Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Daniel Micallef

“Daniel Micallef dejjem ra kif jagħmel biex jimxi lejn it-triq tal-ferħ.”

Kien b’dan il-mod li l-eks Ministru Laburista Daniel Micallef ġie deskritt waqt l-omelija tal-funeral tiegħu mill-Isqof George Frendo.

L-Isqof Frendo qal illi kull persuna tqis lil Daniel Micallef bħala persuna ta’ prinċipju u persuna twajba. Fil-fatt, hu ma kienx biss tabib maħbub minħabba l-professjoni tiegħu iżda wkoll magħruf għall-empatija li kien juri lejn ħaddieħor.

Preżenti għall-funeral tieghu kien hemm bosta qraba, fosthom is-seba’ uliedu, il-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino, il-Presidenti Emeriti Marie Louise Coleiro Preca u George Abela, l-Ispeaker tal-Kamra, Anglu Farrugia, u d-Deputy Speaker David Agius… fost persuni distinti oħra. Preżenti anke s-Sindku tar-Rabat u deputati miz-zewg nahat tal-Kamra.

It-tabib Micallef kien jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ambjentalist, u serva fiż-żminijiet turbolenti tal-Partit Laburista tas-snin Tmenin. Għalkemm ma’ ħafna kien jiġbed simpatija.

Hu jibqa’ magħruf ukoll għad-deċiżjoni li kien ħa wara l-elezzjoni tal-1981, meta kien iddikjara is-siġġijiet tal-PN bħala vakanti – dan minħabba li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ibbojkotjat il-Parlament minħabba li l-Gvern ta’ Mintoff ma kellux maġġoranza ta’ voti.

F’intervista mat-Times, ftit tas-snin ilu, hu kien iddeskriva lilu nnifsu bħala “kosmopolitan”.

It-tabib Rabti kien elett fil-Parlament ħames darbiet.