Lokali

Rewwixta kbira f’Ħal Far… arrestati ‘l fuq minn 50 immigrant

Il-ħin, ftit wara l-10pm. Kaos fl-Open Centre ta’ Ħal Far hekk kif għexieren ta’ immigrant ħolqu rewwixta u ħadu f’idejhom il-post.

Il-protesti baqgħu għaddejin tul il-lejl kollu. L-immigranti kissru l-karozzi tal-Pulizija filwaqt li ħames vetturi oħra ingħataw in-nar.

Kollox jindika li r-rewwixta bdiet minn grupp ta’ immigranti Sudaniżi li kienu nħarġu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi. Wieħed mill-uffiċjali tal-RIU sofra feriti ħfief, filwaqt li tliet uffiċjali sofrew xi feriti minn oġġetti li tefgħu l-immigranti.

Net News hu infurmat li l-ammont ta’ immigranti kien wieħed kbir, bil-Ministru tal-Intern jghid li kienu 300.

Sat-Tnejn filgħodu, l-immigranti kienu għadhom deħlin u ħerġin mill-Open Centre mingħajr ebda pulizija fil-post.

Partijiet taċ-Ċentru kienu għadhom qed jaqbdu… apparti li kien hemm tliet kmamar li ukoll ingħataw in-nar.

Net News kien preżenti fil-post tul il-ġurnata kollha tat-Tnejn fejn persuni li tkellmu magħna qalu li l-inkwiet beda meta tfaccaw immigranti fis-sakra.

Ritratti: Matthew Tabone

Wara aktar minn 12-il siegha, waslu fil-post ammont kbir ta’ pulizija li ħadu fidejhom  l-Open Centre u arrestaw l’fuq minn 50 persuna.

Preżentament, iċ-ċentri kollha li jospitaw l-immigranti f’pajjiżna jinsabu taħt pressjoni enormi. Dan hekk kif minn Jannar ‘l hawn waslu f’pajjiżna ‘l fuq minn 2,100 immigrant.

Talbiet ripetuti minn Net News sabiex il-Gvern jagħti informazzjoni dwar kemm hawn immigranti fiċ-Ċentri Magħluqa u kemm qed jospitaw l-Open Centres baqgħu injorati. It-talba lill-Ministeru tal-Intern saret skont in-nomri tal-Freedom of Information Act, iżda l-Gvern baqa’ jaħbi dawn iċ-ċifri.

Ritratti: Matthew Tabone

Intant, fi stqarrija…il-Partit Nazzjonalista ikkundanna mingħajr l-ebda riżerva l-atti ta’ vjolenza li seħħew matul dan il-lejl f’dan iċ-ċentru f’Ħal Far, filwaqt li esprima solidarjet mal-Pulizija, l-ufficjali tal-armata u l-ufficjali tad-detenzjoni.