Internazzjonali

Renju Unit: Julian Assange jitressaq il-qorti f’Londra

Il-fundatur ta’ Wikileaks, Julian Assange, deher quddiem qorti, f’Londra, għal smigħ dwar hekk għandux ikun estradit lejn l-Istati Uniti biex jiffaċċja akkużi dwar spjunaġġ.

Assange, li għamel żmien jgħix fl-ambaxxata tal-Ekwador fil-kapitali Britannika, qed jiffaċċja tmintax il-għadd ta’ akkuża fl-Istati Uniti, li jinkludu ‘kumplott għall-hacking tal-kompjuters tal-Gvern’ u abbuż tal-liġi dwar l-ispjunaġġ. F’każ li jinstab ħati, Assange kapaċi jeħel il-priġunerija għal għexieren ta’ snin.

Julian Assange, imwieled l-Awstralja, sar magħruf mad-dinja, fl-2010, meta Wikileaks ippubblika filmat klassifikat tal-Istati Uniti li wera attakk bil-ħelikopters militari tal-Amerikani fuq Bagdad (fl-Iraq) li fih inqatlu numru ta’ nies, fosthom membri tal-media.

L-ammiraturi ta’ Assange iqisuh eroj talli żvela l-abbuż ta’ poter minn pajjiżi moderni waqt li l-kritiċi jfissruh bħala bniedem perikoluż li qed jgħin l-isforzi tar-Russja biex iddgħajjef lill-Punent u s-sigurtà tal-Istati Uniti.

Is-sit ta’ Wikileaks, fost oħrajn, kien ippubblika mijiet at’ eluf ta’ messaġġi diplomatiċi sigrieti tal-Istati Uniti bid-dettalji tal-mod kif l-Amerikani kienu qed jevalwaw varjetà ta’ mexxejja fid-dinja.