Internazzjonali

Kanada: Jivvutaw f’waħda mill-aktar elezzjonijiet imprevedibbli għal snin

Il-poplu Kanadiż ivvota fl-elezzjoni ġenerali wara kampanja mimlija bil-kontroversji u li fiha l-partiti rivali ma tilfux opportunità waħda biex juru lill-avversarji fl-agħar dawl possibbli.

Ir-retorika ħarxa —  u kultant ‘velenuża’ — mill-kapijiet politiċi rivali fil-konfront ta’ xulxin aċċertat eżerċizzju aktar ikkumplikat, bl-elezzjoni tissemma fost ‘l-aktar imprevedibbli fl-istorja riċenti tal-Kanada’.

Iż-żewġ sfidanti ewlenin huma l-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, li jmexxi lill-Partit Liberali, u l-Kap tal-Konservattivi, Andrew Scheer. Intant, l-isfida bejn Trudeau u Scheer qed tidher ferm missielta u żgur li ħadd minnhom ma għandu triq faċli lejn mandat ta’ tmexxija skont is-sistema parlamentari ta’ dan il-pajjiż.

L-indikazzjonijiet, qabel il-vot, kienu li l-kura tas-saħħa u l-kriżi tal-klima huma l-akbar issues li qed iħassbu lill-elettorat Kanadiż. Intant, l-elettorat hu ferm interessat ukoll fil-kwistjonijiet tat-taxxa, l-edukazzjoni u l-legalizzazzjoni tal-kannabis.

Filwaqt li l-Partit Konservattiv jitqies bħala l-partit ‘bl-aktar politika aggressiva’ dwar il-qtugħ fit-taxxa, ħafna Kanadiżi jemmnu li Scheer ‘għandu jagħmel anqas minn mexxejja oħra’ fil-politika li tindirizza l-problema tal-klima.

Fl-istess ħin, f’din l-elezzjoni ma spikkat l-ebda issue speċifika u partikulari li kapaċi tissarraf fi swing deċiżiv ta’ voti lejn partit jew ieħor.

L-ewwel riżultati tal-elezzjoni mistennija għal tard bil-lejl. Dan meta partit jeħtieġ jaċċerta minn 170 siġġu biex jifforma Gvern ta’ maġġoranza — bl-istħarriġ ta’ qabel l-elezzjoni jindika li la Justin Trudeau u lanqas Andrew Scheer ma jinsabu qrib dan it-threshold.

Il-formazzjoni ta’ gvern ta’ minoranza (bl-appoġġ minn partiti oħra) ukoll mistennija tiżvolġi fi proċess ikkumplikat. F’sitwazzjoni bħal din, il-Prim Ministru Kanadiż – f’dan il-każ Trudeau – is-soltu jingħata l-ewwel opportunità biex jifforma gvern anki jekk ikun kiseb anqas siġġijiet mill-avversarji tiegħu.

Dan ifisser li politiku tal-Oppożizzjoni li jirbaħ il-vot popolari kapaċi jkollu l-aktar siġġijiet fil-Parlament u xorta ma jingħatax ċans biex jifforma Gvern.