Lokali Parlament

Imut Charles Borg ‘Is-Sunnara’

Charles Borg magħruf bħala ‘Is-Sunnara’ minn Birkirkara miet fis-sigħat li għaddew fl-età ta’ 65 sena.

Charles Borg kien wieħed mill-iktar persuni qrib l-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami sa mill-bidu tal-karriera politika tiegħu u kien attivist tal-PN. Charles Borg kien ukoll wieħed mix-xufiera ta’ Eddie Fenech Adami u kien fuq quddiem mal-PN u ma’ Eddie Fenech Adami fl-aktar mument diffiċli fl-istorja tal-PN fis-sibgħinijiet u fit-tmenijiet. Charels Borg baqa’ ma’ Eddie Fenech Adami sakemm l-ex Prim Ministru temm il-karriera politika tiegħu u anki baqa’ viċin tiegħu wara.

F’kumment fuq il-media soċjali d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami rringrazzja lil Charles Borg tal-ħidma politika tiegħu fil-PN u viċin ferm il-familja Fenech Adami. Beppe Fenech Adami qal li Charles Borg mexa l-mixja politika kollha mal-familja Fenech Adami. Beppe Fenech Adami kkummenta li ‘l-familja tiegħi tilfet wieħed minnha’.

Il-funeral se jsir nhar il-Ħamis 24 ta’ Ottubru 2019 fit-8.30 am fil-knisja ta’ Sant’Elena Birkirkara.