Lokali

Il-PN jinnota b’sodisfazzjon li l-kwistjoni Ocean Viking ġiet fi tmiemha

Il-Kap tal-PN Adrian Delia permezz ta’ post fuq facebook wera s-sodisfazzjon tiegħu li ġew salvati l-ħajjiet li kienu bejn sema u ilma.

Madankollu, sostna li wara li jiġu salvati l-ħajjiet, hemm il-ħtieġa li tiġi diskussa r-rilokazzjoni tal-immigranti. Kompla li Malta ma tiflaħx għal dan l-influss ta’ nies u ma tistax tassumi responsabbiltà li ma tiflaħx tieħu.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija nnota b’sodisfazzjon li l-kwistjoni Ocean Viking ġiet fi tmiemha. Għax il-ħajja umana m’għandhiex prezz u 356 persuna m’humiex oġġetti f’idejn agendi politiċi żbaljati.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, sostnew li l-Partit Nazzjonalista hu propju għalhekk ilu jenfassizza li l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari trid tiġi kkonfrontata b’linja kostanti u mhux b’soluzzjonijiet tal-mument.

Il-Partit Nazzjonalista tenna li din hi problema Ewropea li teħtieġ soluzzjoni kollettiva.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista insista, f’isem l-interess nazzjonali, li l-Gvern għandu jaħdem aktar biex ikun hemm qbil fil-qsim tas-solidarjetà b’mekkaniżmi legali kostanti.

Sadanittant, anki 20 għaqda non-governattiva esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal dawn l-aħħar żviluppi.

Huma qalu li l-prinċipju ta’ solidarjetà, ikkunsidrat bħala l-pedament tal-Unjoni Ewropea, hu kruċjali biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies, filwaqt li l-pajjiżi fil-konfini tal-Unjoni Ewropea m’għandhomx jibqgħu jġorru l-piż tal-konsegwenzi tal-inadegwatezza politika Ewropea.

Dan il-każ hu ieħor fid-dawl tat-tħassib li bħalissa qed jaħkem lill-Unjoni Ewropea, fejn qed ikun stmat li aktar minn 300,000 persuna jistgħu jaqsmu l-Mediterran biex jaħarbu mil-Libja, f’każ li s-sitwazzjoni fil-pajjiż taqleb għall-agħar.

Dan joħroġ minn rapport intern ġdid li qed iwissi dwar diżastru umanitarju potenzjali, fejn qed jingħad li kibru l-possibbiltajiet li l-mijiet ta’ eluf ta’ persuni jaqsmu mil-Libja lejn l-Ewropa, bit-tama li jsibu ħajja aħjar.